top of page
Search
  • Writer's pictureChrysander Agius

X’rigali rċieva Daniel ?

Uffiċjalment il-Milied anke dak Ortodoss (għax jiċċelebrawh fis-7 ta’ Jannar) għadda. Għalija bħala ġenitur li għandi tfal żgħar dawn il-festi jkunu impenjattivi mhux ħażin għax dan l-aħħar il-bambin u l-ġulbien, il-presepju, is-siġra… żdiedu wkoll l-elves on the shelves li kuljum iridu jsibu ruħhom xi mkien differenti fid-dar u jiktbu messaġġ biex jgħidu lit-tfal humiex qed ikunu bravi jew le. Min għamilha lit-tfal jaf x’biċċa xogħol fihom dawn l-elves imma s-sodisfazzjoni tkun kbira wkoll.

Nerġa’ ndur fuq ir-rigali għax fuq dak kelli nikteb, ir-rigali nbidlu ftit minn konna nagħmlu qabel għax qabel kulħadd kien jagħti rigal lil ħaddieħor fil-familja u anke l-ħbieb tal-qalb. Imma llum il-ġurnata ħafna saru jagħmlu s-secret santa, fejn jittella’ bix-xorti l-persuna waħda li se tagħti rigal. Fil-verità din lili vera togħġobni għax tagħti aktar kas u tagħżel b’aktar reqqa r-rigal li se tagħti lil dik il-persuna partikolari. Din is-sena qlajt 3 rigali li veru qegħdin it-3 għal qalbi għax min tahomli vera ta’ kas li dak li jagħtini jagħmel sens. U dawn huma r-rigali:

  1. Kard li titfagħha fil-kartiera u meta ma nkunx naf fejna l-kartiera nsibha permezz ta’ app minn fuq il-mobile. Dan ir-rigal tahuli  għax jaf li darba fil-ġimgħa nitlef il-kartiera, allura b’hekk frankali kedda li anke lilu għajjiet wara dawn is-snin kollha.

  1. Artwork li tirrappreżenta lill-familja tiegħi, dan ir-rigal tawhulna l-familja ta’ ħu l-mara li hu oriġinali ħafna u vera qiegħed għal qalbi. Għamlulna kopja għall-uffiċċju biex kull darba li nħares lejh niftakar fil-familja anke meta jkolli jiem ta’ qtigħ il-qalb fuq xogħol, u kopja oħra għad-dar biex tibqagħlna tifkira.

  1. Kintsugi Repair Kit- dan inqisu l-aktar rigal speċjali li qlajt mingħand in-neputija tiegħi Matthea. Kintsugi hi teknika fil-kultura Ġappuniża li meta xi ħaġa tinkiser flok kif nagħmlu aħna narmuha, isewwuha b’taħlita ta’ kolla u deheb. Għaldaqstant dik il-ħaġa li tkun nkissret mhux talli ma narmuhiex imma wara li tiġi msewwija tkun ħafna aktar prezzjuża.

Dan ir-rigal u din it-teknika tgħallimna li meta jiġrilna xi ħaġa u nħossuna mkissra m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna għax la niġu f’tagħna, il-verżjoni l-ġdida tagħna se tkun aktar prezzjuża minn dik li konna qabel, u minn esperjenza personali naħseb li veru hekk jiġri. Għalhekk kuraġġ lil kulħadd.

22 views0 comments
bottom of page