Chrysander Agius
ID-Danusan Kwarantina, kif se jgħadduha?
DANUSAN qegħdin kwarantina – “Min jaf kemm-il darba ħlisnieha imma din id-darba kilnieha. It-tnejn li aħna spiċċajna ġewwa u għall-ewwel darba ’l bogħod minn xulxin.”
Fejn qegħdin?
Id-Dan jinsab fl-inħawi ta’ Birżebbuġa fejn tħallux li jqarrqu bikom il-ħsejjes tal-freeport, kapaċi jkun hu qed jilgħab mat-tfal, jew inkella xi ħsejjes strambi oħra.
Is-San min-naħa l-oħra x-xniegħa hi li jinsab imwarrab lejn in-naħat ta’ Marsaxlokk, għalhekk skarsa l-ħut.
Dawn it-tnejn imdorrija b’xulxin iktar milli mdorrija bin-nisa tagħhom, u issa se jkollhom jagħmlu 15-il ġurnata kwarantina ’l bogħod minn xulxin u ’l bogħod mill-uffiċċju tagħhom ukoll.
X’affettwa?

IX-XOW TA’ BLIND DATE LI KELLU JKOMPLI NHAR IL-ĦADD POSPOST GĦAL ĦADD IL-GĦID
Dan jaffettwa wkoll lil dawk kollha li kienu qed jistennew BLIND DATE jkompli nhar il-Ħadd għaliex il-filming kellu jieqaf ħesrem. Però se jitkompla wara l-kwarantina u jkun available għall-jum il-Għid – 4 ta’ April.
Jiskużaw ruħhom però bħalissa kulma jmissu b’idhom qisu qed jisfaxxa. Ma nafux hux intom qed jiġrilkom l-istess. L-ewwel parti tax-xow ilha available mill-14 ta’ Frar (Jum San Valentinu), però jekk għadek ma rajtux kulma trid tagħmel huwa li żżur dan is-sit – https://danusantv.com/blinddate/ u tkun tista’ ssegwi l-ewwel parti mill-ewwel, u t-tieni parti minn dakinhar tal-Għid.
X’qed jagħmlu?
Kif qed ikampaw din il-kwarantina? Min jaf kemm hawn minnkom li wkoll jinsabu f’din is-sitwazzjoni. Tant hu hekk li anke l-ħallelin applikaw għall-għajnuna mingħand Maltaenterprise għax milli jidher bla xogħol qegħdin… kulħadd id-dar kif se tmur tisraq? Biex jgħaddu ż-żmien tajniehom dal-mistoqsijiet, li anke intom tistgħu tirrispondu.
Liema hu l-aqwa software biex tikkomunika?
SAN – jien kont ngħid ZOOM però, però tal-GOOGLE ma jiċċajtax e! Qisu easy iktar u iktar fast, anke għax fejn qiegħed il-connection hi li hi!
DAN – bħala software kollha għandi għax kważi kull persuna li tkellem juża software differenti u biex ma taqax għaċ-ċajt, trid turi li int tifhem anke f’dak is-software li sa 5 minuti qabel il-meeting ma tkun qatt smajt bih.
Kemm qed tiġġieled mal-partner minn 1 sa 10?
SAN – Bdejna b’10 però bil-mod il-mod, neżlin. Ovvjament għadna bidu. Imnalla mal-ħbieb ta’ Facebook naf fost l-aqwa counsellors biex jgħinuni f’din il-fażi.
DAN – Mal-mara mhu qed niġġieled xejn anke għax jiena qiegħed imsakkar ġo kamra għalija iżolat imma qed tieħu ħafna paċenzja bija minħabba li kulma jkolli bżonn ikollha taqdini hi.
Qiegħed tilbes u żżomm ruħek waqt il-kwarantina?
SAN – Kuljum! Inqum u ninħasel u nlesti ruħi daqslikieku sejjer għax-xogħol. Nilbes pulit, però nammetti ġieli nara li fuq nidher tajjeb u taħt ikolli l-PAĠAMA!
DAN – Bħala Covid laqtitni naqra mhux ħażin allura l-anqas ħaġa li qed nagħti kas hi d-dehra tiegħi- paġami u ħwejjeġ imtaqqbin kemm nista’.
Biex qed tedha meta taqbiżlek?
SAN – S’issa għadha ma qabżitx. Qed nispera li niġi f’tiegħi ma ndumx, ħalli almenu ndaħħal naqra exercise, għax crusher bħalissa.
DAN – Ifhem bħalissa qiegħed nirkupra allura qed norqod ħafna, ħafna nara Netflix, mobile nirrispondi lil kull min jibgħat u jċempel, nipprova naħdem naqra u ndaħħal xi meeting ’l hemm u ’l hawn meta jerħini d-deni. Illum għaddieli kważi l-ħames jum nispera li fil-jumejn li ġejjin inħossni aħjar.
X’tgħallimt minn din l-esperjenza tal-kwarantina?
SAN – tgħallimt li
Il-covid hi kerha! U allaħares taqbad lil xi ħadd li ma jiflaħx għaliha.
Kemm ibati min qiegħed il-Ħabs.
Kemm hu sabiħ Marsaxlokk.
Kemm hu faċli biex teħodha din il-marda u tieħu kemm tieħu prekawzjonijiet, tidħollok mill-iktar tieqa għolja li qatt kont tobsor.
DAN – tgħallimt li
Napprezza ħafna aktar il-ħajja sempliċi ta’ kuljum, għal dan l-aħħar 6 ġimgħat qbadt rutina nittrenja kuljum u niekol nadif, li minħabba l-Covid ma kellix is-saħħa nagħmel u anqas l-aptit li niekol.
Il-fatt li ma tistax toħroġ li minnha nfisha hi xi ħaġa iebsa wisq.
U oħra kemm hi tad-dwejjaq il-ħajja mingħajr is-sens li xxomm u ttiegħem, anqas jibqa’ worth it tiekol.
Ħudu ħsieb u oqogħdu attenti għax jekk tolqtok b’mod iebes bħalma laqtet lili tbati mhux ħażin.
Id-Danusan wegħduna wkoll li la jħossuhom naqra aħjar, se jkunu qed iwasslu ftit xi jħoss wieħed meta jkollu l-COVID. Dejjem segwu s-social media tagħhom biex issegwu dak li jkun għaddej.